Nru 39

Kull poeżija żarbuna.
Żarbuna iva żarbuna le, poeżija.

Hemm poeżiji li jeħduk iktar 'il bogħod
milli tieħdok żarbuna.
Hemm testi jtektku, versi jkaxkru,
poeżiji li jweġġgħulek is-saba' ta' saqajk,
u ġeneralment
wieħed m'għandux ixidd il-poeżiji ta' ħaddieħor.

Hemm ħajki sajfin,
poeżiji twal xitwija,
u siltiet tal-ħarifa li tħassarhom l-ewwel xita.

It-tfal jilbsu l-poeżiji tal-kbar,
iħawdu x-xellug mal-lemin,
tant li jidhru saħansitra iżgħar.
Il-kbar ma jorbtux sew il-lazz.

Il-poeżiji l-ġodda jżaqżqu,
l-antiki jibqgħu siekta.

Hemm poeżija għal meta taħrab,
hemm poeżija li twasslek id-dar,
hemm poeżija li trid tinżagħha qabel tidħol,
biex flokha xxidd poeżija totalment differenti,
ċatta, ratba, ritmika.

Biex tivverifika poeżija, m'hemmx bżonn taħraq il-ġilda,
kemm tieqaf f'nofs ta' triq u tgħid: “intlift”.

_Tradott minn Antoine Cassar

In order to provide services of the best quality possible, and within our service, we apply cookies files. The use of the portal without modification of cookies configuration means their placement in your terminal. If you do not accept it, we kindly request you to make respective changes in the configuration of your internet browser.